Jien u Int

Ma nafx kif ngħidlek
Kif nista' nħares f'għajnejk
U nlissen dak li nħoss
Mhux soltu nistħi
Anzi jien komda f'ġismi
Għall-inqas ħsibt li kont

Ninsabu f'nofs it-taħwid u l-ġenn
M'għandix ħin x'nitlef
Donnha d-dinja se tintemm

X'hemm ħażin jekk insaqsik
Niltaqgħu xi mkien għall-kwiet
'Il bogħod mill-konfużjoni u l-inkwiet
X'hemm ħażin immorru mixja fil-kampanja
Ingawdu l-ftit li fadal
Mingħajr xi konstruzzjoni jew konkrit
Għax dejjem xtaqt li nsir nafek iktar
Imm' għalik l-imħabba logħba man-nar
ma rridx inpoġġik f'periklu jekk nersaq viċin
Mel'għidli x'hemm ħażin li nkunu biss jien u int

M'għandix ċans miegħek
Xorta waħda jimpurtani minnek
Xorta naħseb fik

U bqajn'hawn f'nofs it-taħwid u l-ġenn
M'għandix iktar x'nitlef
Għax id-dinja se tintemm

X'hemm ħażin jekk insaqsik
Niltaqgħu xi mkien bla rbit
Għax li naħsbu wisq qatt m'għamel ġid
X'hemm ħażin niġbdu ritratt ta' kull bieb ikkulurit
Forsi dik tkun iċ-ċavetta li biha tiftaħ qalbek miegħi għax tkun trid
Għax dejjem xtaqt li nsir nafek iktar
Imm' għalik l-imħabba logħba man-nar
Mhux se npoġġik f'periklu jekk nersaq viċin
Mel' għidli x'hemm ħażin li nkunu biss jien u int

Kif nista' ngħidlek
Kif nista' nħares f'għajnejk
Meta naf li ma trid xejn



Credits
Writer(s): Marilyn Aquilina
Lyrics powered by www.musixmatch.com

Link